|
About Me:
|
Twieled Raħal Ġdid fl-1947. Hemm erba’ aspetti fil-ħajja tiegħu; il-ħajja privata u familjari, l-edukazzjoni, il-politika u l-Arti. Għalliem professjonali sa mill-1967, ħadem fil-levell primarju, sekondarju u terzjaru. Kien għal xi żmien responsabbli mit-tagħlim ta’ l-Arti fl-iskejjel, kien Kap ta’ l-Iskola ta’ l-Arti u Assistent Kap tad-Design Centre. Bħala Assistent Direttur ta’ l-Edukazzjoni kien responsabbli mill-attivitajiet extra-kurrikulari, kulturali u sportivi waqt li kien Direttur ta’ l-Edukazzjoni responsabbli, fost l-oħrajn, mill-Iskejjel ta’ l-Arti, d-Drama u l-Mużika u mix-xandir edukattiv. Ma’ l-attivita’ politika huwa d-disinja għall-Partit Laburista bosta posters, karrjiet, palkijiet għal konferenzi ġenerali, meetings u attivitajiet politiko-kulturali bħal ‘Warda Kanta’ u ‘Paċi u Progress’. Huwa kien ukoll Sindku tal-Fgura għal tliet darbiet fejn flimkien ma’ sħabu l-Kunsilliera ħadem għat-titijib u tisbieħ ta’ l-ambjent fil-Fgura. Il-ġibda lejn l-arti kienet minn tfulitu; ta’ tlettax-il sena beda jattendi l-Iskola ta’ l-Arti taħt idejn Vincent Apap, Karmenu Mangion u Esprit Barthet. Kompla jistudja fi Brighton Polytechnic u Eastbourne School of Art, l-Ingilterra, filwaqt li ħa l-Baċellerat fl-Istorja ta’ l-Arti u l-Arkitettura mill-Universita’ ta’ Londra. Fl-1980 kien il-mistieden tal-Commonwealth Arts Association bħala osservatur fix-xenografija mar-Royal Shakespeare Theatre, Stratford-upon-Avon. Anthony ħadem f’diversi forom ta’ l-Arti. Ddisinja tliet settijiet bollol ta’ Malta, erba’ padiljuni nazzjonali għal fieri barranin, diversi posters, fosthom dawk tal-qlib għal użin deċimali u bosta cartoons politiċi. Iddisinja diversi kotba, fosthom dawk tar-reliġjon u l-istudji soċjali, għall-iskejjel sekondarji u għamel l-illustrazzjonijiet ta’ żewġ missallini tal-quddiesa. Huwa pitter il-ħitan tal-Kappella tal-Paċi, Ħal Far, murali fl-Uffiċċji tad-Direttorati ta’ l-Edukazzjoni kif ukoll partijiet mill-murali tas-saqaf fil-kurutur tal-Palazz li kienu ntilfu bil-gwerra. Iddisinja wkoll id-dekorazzjonijiet tat-toroq għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħelsien, 1979. Interessa ruħhu fix-xenografija minn eta’ zgħira u għamel l-ewwel disinji tal-palk fil-Paola Youth Centre u mbaghad f’St Michael’s Teacher Training College. Iddisinja diversi produzzjonijiet fil-Manoel Theatre, fosthom Bwani ta’ Francis Ebejer (MADC 1974), Invitation to a March (1973) Joseph and the Amazing Multicoloured Dreamcoat (MADC 1994), Alladin (MADC 1995) u Little Shop of Horrors (2000). Ħoloq is-sett għal-Musical ‘Oklahoma’ (1995) fis-Sala tal-Mediterran fejn qabel kien iddisnja diversi Festivals Internazzjonali tal-Kanuzetta u l-Police Show. Ħoloq diversi settijiet għall-Festival ta’ l-Arti, il-Polyteatru, kif wkoll l-edizzjonijiet kollha ta’ l-Iljieli Mediteranji li kienu jinkludu fost l-oħrajn il-musicals Bastilja, Taħt Tliet Saltniet, il-Gwerra ta’ Spiru Cefai, Ulied in-Nanna Venut, Żeża tal-Flagship u t-Tfajla tal-Palazz . Fl-1981 huwa ħareġ bl-idea ta’ Ġensna, ir-rock opera dwar Malta li għaliha ddisnja l-logo, il-grafika, il-kostumi u l-palk. Im interested in Education, Art, Environment ,Politics and FGURA (MALTA).
|